Storja ta’ l-Għaqda Mużikali San Ġuzepp

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istorja tal-festa tal-Kalkara, b’mod speċjali lejn dik tan-naħa ta’ isfel tar-raħal, jiġifieri dawk tal-“Malta”, wieħed isib li sa minn ħafna snin qabel ma’ ġiet imwaqqfa is-Socjeta Muzikali San Ġużepp, kien jeżisti element qawwi ta’ partitarji li kienu jorganizzaw il-biċċa l-kbira tal-Festi esterni, b’mod speċjali lejliet il-festa kif għadu jsir sal-lum.

Kienet is-sena 1985, meta il-Kumitat li kien qiegħed jieħu ħsieb li jsib post biex jintuża bħala każin. Il-Kumitat irnexxielu jixtri post li għalkemm kien żgħir, seta jservi sabiex minn hemm, tibda il-ħidma verament attiva b’mod speċjali fiż-żmien tal-festa minn dawk il-ħafna Kalkariżi, li kienu jorganizzaw il-festa tar-raħal tagħna.

Dan l-ewwel post kien bl-indirizz numru 7, Triq il-Kapuċċini. Kien eżatt nhar il-4 ta’ Lulju 1987, meta d-diriġenti ta’ dan il-każin irreġistraw ma’ l-awtoritajiet l-ewwel banda fil-Kalkara, il-ftuħ uffiċjali tal-Każin. Il-Kumitat flimkien mal-membri kienu ddeċidew li “San Gużepp” ikun missier is-Socjeta, u għalhekk din is-Soċjeta tissemma għall-patrun tar-raħal tagħna l-Kalkariżi.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Kazin u l-inawgurazzjoni tal-Banda sar mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura ta’ dak iz-zmien l-Onor. Dr. Ugo Mifsud Bonnici, ex President tar-Repubblika ta’ Malta, it-tberik sar mill-Kappillan ta’ dak iż-żmien Rev. Dun Ġużepp Farrugia u l-preżentazzjoni ta’ l-istandard tas-Soċjeta sar mill-Onor Joe Mizzi M.P..

L-ewwel president tas-Soċjeta kien is-Sur George Micallef, li okkupa din il-kariga sa Ottubru tas-Sena 1995 u l-ewwel surmast direttur tas-Soċjeta kien il-Maestro John Pace.

Avveniment Speċjali:

Wieħed mill-avvenimenti tas-Soċjeta huwa bla dubju, l-akkwist tal-kazin il-ġdid li verament jixraq lis-socjeta tagħna. Il-kuntratt ta’ dan il-post li jinstab fil-pjazza Misraħ Arċisqof Gonzi, sar fit-18 ta’ Lulju, 1990.

L-akbar avveniment kalendarju ta’ kull sena huwa is-sehem tal-banda f’diversi okkażjonijiet b’mod partikolari is-sehem tal-banda f’ diversi bliet u rħula ta’ Malta. Is-soċjeta għandha sehem attiv fil-programm tal-festa li ssir kull sena f’ġieh il-patrun u missier is-socjeta San Gużepp li jahbat fit-tieni Ħadd ta’ Lulju.

Programmi oħra li tagħmel is-Soċjeta tagħna huma ż-żewġ okkażjonijiet fejn il-banda takkumpanja żewġ statwi artistiċi. Waħda li tirrapreżenta id-dehra tal-Anġlu lil San Ġużepp li tiġi iċċelebrata nhar id-19 ta Marzu u l-ohra ta’ Kristu Rxoxt li tigi ċċelebrata nhar Ħadd il-Għid.
Dawn iż-żewġ statwi ġew irregalati lis-Soċjeta minn partitarji attivisti tas-Soċjeta. L-istatwa tad-dehra ta’ l-Anġlu lil San Ġużepp ġiet irregalata lis-Soċjeta nhar id-19 ta’ Marzu 1992, filwaqt li dik ta’ Kristu Rxoxt ġiet irregalata nhar il-Hadd 3 ta’ April 1994.

Wieħed irid isemmi wkoll id-dimostrazzjoni li ssir ta’ l-istatwa ta’ Malta Rebbieha li hija ġawhra tal-partitarji Ġużeppini nhar is-Sibt lejliet il-festa titulari u li fiha l-banda tiehu sehem u tgħaddi mit-toroq prinċipali fost il-brijju tal-partitarji u ammiraturi tas-Soċjeta.